Previous slide
Next slide

San Lawrenz huwa raħal li jinsab fil-Punent tal-gżira Għawdxija. Ir-raħal huwa mibni fuq art ċatta mdawra bi tliet għoljiet – Ta’ Għammar, Ta’ Gelmus u Ta’ Dbieġi. Dan tal-aħħar huwa 195 metru l fuq mil-livell tal-baħar u huwa l-ogħla punt f’Għawdex. San Lawrenz għandu wkoll fi ħdan it-territorju tiegħu l-bajja sabiħa tad-Dwejra li hija rinomata għall-aspetti ekoloġiċi uniċi tagħha, mhux biss rikonoxxuti mill-Għawdxin u n-nies tal-lokal kollha iżda wkoll internazzjonalment. Iċ-ċensiment tal-1995 stabbilixxa l-popolazzjoni tar-raħal għal madwar 552 ruħ. Sat-Tieni Gwerra Dinjija, il-maġġoranza tan-nies tal-lokal kienu bdiewa. Illum ħafna nies tal-lokal huma jew impjegati tal-gvern jew jaħdmu għal rashom. L-arma ta’ San Lawrenz tikkonsisti ftarka tad-deheb li fuqha hemm is-simbolu ta’ gradilja tal-ħadid b’żewġ weraq tal-palm fuq kull naħa. L-istoriku Bezzina ddeskriva l-weraq tal-palm bħala simbolu tal-martirju filwaqt li l-gradilja tal-ħadid kienet tirrappreżenta l-mod kif inqatel il-Qaddis Patrun tar-raħal. Il-motto tar-raħal huwa “Dominus protectio Mea” li jfisser “Il-Mulej huwa t-Tarka tiegħi”. Il-parroċċa ta’ San Lawrenz twaqqfet fil-15 ta’ Marzu 1893. Qabel din id-data r-raħal kien magħruf bħala Ta’ Ċiangura. Probabbilment l-isem kien jirrifletti dak ta’ familja jew laqam ta’ xi ħadd b’relazzjoni mill-qrib mal-lokalità. Mhux magħruf meta twaqqaf ir-raħal, iżda xi dokumenti jsemmu Ta’ Ċiangura qabel l-Assedju l-Kbir ta’ Għawdex li seħħ qabel Lulju tal-1551. 

San Lawrenz huwa wieħed minn żewġ irħula li għandhom isem ta’ qaddis f’Għawdex. L-ieħor huwa dak ta’ Santa Luċija. Sar-raba’ seklu wara Kristu d-devozzjoni lejn San Lawrenz kienet infirxet mad-dinja kollha u waslet ukoll lejn xtutna. Sa tmiem il-medjuevu kien hemm tliet knejjes iddedikati lil San Lawrenz, waħda ġewwa ċ-Ċittadella, waħda qrib Ta’ Għodlien u oħra f’Ta’ Ċiangura. Ir-raħal ħa l-isem mill-knisja. Lawrenz twieled ffamilja qaddisa u nobbli fis-sena 226, fi Huesca ta’ Aragona ġewwa Spanja. Sistu II, l-arċidjaknu ta’ Ruma stieden lil Lawrenz biex jakkumpanjah Ruma biex ikompli l-istudji tiegħu għas-saċerdozju. Fis-sena 257 Sistu sar Papa u ħatar lil Lawrenz bħala arċidjaknu u bħala vigarju tiegħu. Lawrenz sar responsabbli mit-teżori kollha li kellha l-knisja. Meta Valerjan sar jaf li Lawrenz kien il-kustodju tat-teżori kollha tal-knisja, bagħat lil Kornelju, il-Prefett ta’ Ruma biex jarrestah. Il-Prefett ordna lil Lawrenz biex jgħaddi t-teżori kollha tal-knisja. Lawrenz għalhekk ġabar il-morda u l-foqra kollha ta’ Ruma u qal lill-prefett “dawn huma t-teżori awtentiċi tal-knisja”. Lawrenz ġie msawwat u sofra aktar tortura. Irrifjuta li jagħti ġieħ lill-allat pagani u baqa’ b’saħħtu fil-fidi. Fl-aħħar Lawrenz inħaraq fuq grilja tal-ħadid fl-10 ta’ Awwissu 258, erbat ijiem biss wara l-mewt tal-Papa Sistu II.